Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Ħarsien tal-Annimali Alicia Bugeja Said ħabbret id-dettalji tal-inizjattiva “Goals for Paws”, turnew tal-futbol għat-tfal li għandu l-għan li jgħaqqad l-isport ma’ messaġġ ta’ solidarjetà u responsabbiltà lejn l-annimali.
L-inizjattiva tħabbret waqt il-Malta Animal Awareness Week, ġimgħa ddedikata biex tkompli tqajjem aktar għarfien dwar il-ħarsien u t-trattament xieraq tal-annimali. Permezz ta’ inizjattivi bħal “Goals for Paws”, qed ikompli jissaħħaħ il-messaġġ dwar l-importanza tar-responsabbiltà, ir-rispett u l-empatija lejn l-annimali, b’mod partikolari fost it-tfal.
It-turnew se jkun miftuħ għan-nurseries kollha madwar Malta u se jsir matul tmiem il-ġimgħa f’April tal-2027. Se jieħdu sehem timijiet fil-kategoriji ta’ taħt il-11-il sena (U11) u taħt it-13-il sena (U13), filwaqt li plejers tal-U10 u l-U12 rispettivament jistgħu jkunu parti mill-iskwadri. Il-logħob tal-U11 se jsir fil-grawnd ta’ Marsaskala FC, filwaqt li dak tal-U13 se jsir fil-grawnd ta’ Mġarr United FC.
Minkejja li l-parteċipazzjoni tan-nurseries se tkun mingħajr ħlas, “Goals for Paws” se jkollha wkoll għan ta’ karità hekk kif it-tfal parteċipanti se jkunu mħeġġa jagħtu donazzjoni ta’ €5 b’risq l-annimali abbandunati. Se jitqassmu wkoll kaxxi tad-donazzjonijiet fiż-żewġ grawnds u l-ammont kollu miġbur se jingħata lis-santwarji tal-annimali.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said qalet li din l-inizjattiva tmur lil hinn mill-aspett sportiv u għandha l-għan li trawwem fost it-tfal valuri ta’ empatija u rispett lejn l-annimali. “Permezz ta’ ‘Goals for Paws’ qed inġibu flimkien żewġ affarijiet importanti ħafna, l-isport u l-imħabba lejn l-annimali. Irridu li minn età żgħira, it-tfal tagħna jifhmu li kull wieħed u waħda minna jista’ jagħmel differenza fil-ħajja ta’ annimal li għandu bżonn l-għajnuna. Din l-inizjattiva mhux biss se tagħti lit-tfal opportunità biex jieħdu gost permezz tal-isport, iżda se twassal ukoll messaġġ b’saħħtu ta’ solidarjetà, responsabbiltà u ħarsien tal-annimali,” qalet is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.
Matul it-turnew se jkun hemm servizz mediku preżenti f’kull grawnd, kif ukoll servizz uffiċjali ta’ fotografija. Il-logħob tal-U13 se jintlagħab b’disa’ plejers kontra disgħa u se jkun immexxi minn referee. Il-lista tal-plejers ta’ kull tim trid tingħata tlett ijiem qabel it-turnew. Kull plejer li jieħu sehem se jingħata midalja bħala tifkira tal-parteċipazzjoni tiegħu, filwaqt li t-tim rebbieħ tal-kategorija U13 se jingħata trofew.
L-inizjattiva “Goals for Paws” għandha għalhekk isservi mhux biss bħala attività sportiva għat-tfal, iżda se tqajjem aktar għarfien dwar il-ħarsien xieraq tal-annimali kif ukoll dwar l-annimali abbandunati u s-santwarji li jaħdmu ta’ kuljum għall-ħarsien tagħhom.